Beda jsir erba’ snin ilu, u llum jiġbed lejh mijiet ta’ sewwieqa tal-muturi. Dan hu l-pellegrinaġġ fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija.
Fl-isfond tad-daqq tal-qniepen hekk kif daqqu l-għaxra ta’ filgħodu, fuq iz-zuntier tal-Knisja Parokkjali tal-Imġarr wasal trakk bl-inkwatru taż-żewg vari tal-Madonna, b’mijiet ta’muturi warajh.
Minn hemmhekk imlew it-toroq tal-madwar f’rotta li għall-ħabta tal-ħdax waslithom biswit il-Knisja Arċipretali ta Ħad-Dingli.
Sewwieqa tal-muturi li tkellmu ma’ One News, qalu li ta’ kull sena jkunu ħerqana jistennewh.
L-arċipriet Mark Mallia Pawley għamel talba ta’ ringrazzjament u niżel ibierek lill-parteċipanti u l-muturi tagħhom.
Din is-sena, il-flus miġbura marru b’risq ALS Malta, biex fis-snin li ġejjin, Bjorn Formosa jkun jista’ jwettaq il-ħolma tiegħu li tinfetaħ dar oħra.
L-avveniment qed isir kull sena, u jara ħidma sfieqa mill-awtoritajiet li jżommu l-kontroll fit-toroq arterjali minn fejn jgħaddu dawn il-mijiet ta’ muturi.