Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri ħabbar li l-Gvern implimenta aktar minn nofs ir-rakkomondazzjonijiet elenkati fil-fin-National Risk Assessmen b’rabta mal-effettività li għandha Malta fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar ta’ terroriżmu. Dan permezz ta’ proċess kollaborattiv li kien jinvolvi bosta entitajiet ewlenin fosthom l-Aġenzija Maltija kontra l-Ħasil tal-Flus l-FIAU u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji l-MFSA.
Dan filwaqt li twettqu wkoll ħafna mill-miżuri li ġew irrakkomondati fir-rapport tal-MONEYVAL ippubblikat aktar kmieni din is-sena.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri kien qed jitkellem f’konferenza mtella’ mill-kumpanija multinazzjonali Microsoft dwar il-futur tas-servizzi bankarji. Huwa spjega: “Issa għandna sal-aħħar tas-sena d-dieħla, Diċembru 2020, biex nimplimentaw il-miżuri tal-MONEYVAL. Mill-informazzjoni li għandi huwa li ħafna minn dawn il-miżuri diġà ġew implimentati u jiena kunfidenti ħafna li l-miżuri kollha tal-Moneyval ħa nkunu qegħdin nimplimentawhom sat-timeframes stabbiliti.”
Is-Segretarju Parlamentari rrikonoxxa ż-żmien diffiċli li għaddej minnu pajjiżna bħalissa, iżda fakkar li l-Gvern għandu responsabbiltà lejn il-familji Maltin u Għawdxin; biex jibqa’ għaddej b’ħidmietu ħalli jiggarantixxi tkabbir ekonomiku li ma jiġix imxekkel.
Messaġġ li wassal lill-investituri li nġabru taħt saqaf wieħed biex jiddiskutu l-futur tas-servizzi bankarji, u kif jistgħu jkomplu jinvestu f’pajjiżna.
Fakkar li l-iżviluppi fl-aħħar jiem huma xhieda ta’ kemm l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jaħdmu u jġibu r-riżultati, iżda wkoll tfakkira li kulħadd irid ikun responsabbli għal għemilu.
“Malta bħala pajjiż għaddejna minn ħafna mumenti diffiċli, ikbar minn dawn, u rnexxielna wkoll fl-interess ta’ Malta ġewwa qalbna, negħlbuhom, u hekk se jkun qed jiġri f’dal-każ u llum kelli l-opportunità nitkellem ma’ iktar investituri sabiex naraw li anki dawn l-investituri jkomplu jinvestu ġewwa pajjiżna u jkomplu jkabbru t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiż”, sostna s-Segretarju Parlamentari Schembri.