Ħafna mill-arranġamenti dwar kif se jkunu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fil-futur għadhom fl-ajru u ħafna mill-ftehim li ntlaħaq dwar il-firda tal-Brexit bejn iż-żewġ naħat huwa żbilanċjat kontra r-Renju Unit. Minħabba f’hekk, is-sitwazzjoni politika fir-Renju Unit hi drammatika sew, qal Alfred Sant fil-programm televiżiv Kalamita.
Bil-ftehim ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea qablu li jkomplu jiddiskutu sakemm jaslu għal ftehim aħħari fuq il-futur. Fil-frattemp, ir-Renju Unit jibqa’ taħt ir-regoli Ewropej għal affarijiet importanti mingħajr ma jkollu ċans li jieħu sehem fid-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet dwarhom.
“Għalija ma hemmx dubju li bħala ftehim – l-Ewropej ħadu kull ma riedu u l-Brittaniċi ċedew ħafna u ħafna affarijiet. Eventwalment, jekk jgħaddi l-ftehim, ir-Renju Unit se jħossu milgħub f’din is-sitwazzjoni. Dan jista’ joħloq sentiment qawwi kontra l-Ewropej u r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat jiqrasu b’mod li joħolqu l-problemi,” qal l-Ewroparlamentari.
Alfred Sant kompla jgħid li waqt in-negozjati, l-Ewropej żammew għaqda u mxew fuq prinċipju fundamentali – li r-Renju Unit ma jistax joħroġ mill-UE, iwarrab il-piżijiet u fl-istess ħin jibqa’ jgawdi mill-benefiċċji tas-sħubija. Min-naħa l-oħra il-forzi politiċi fir-Renju Unit kienu maqsuma, kemm fost il-konservattivi tal-Partit tal-Prim Ministru May u kemm min-naħa tal-Laburisti Ingliżi. Min jgħid li l-gvern qed iċedi wisq u min jgħid li l-gvern mhux miftuħ biżżejjed, kemm fost dawk li jappoġġjaw il-Brexit u fost dawk li huma kontrih fiż-żewġ partiti.
“Dawk li qed jikkritikaw dan il-ftehim sa issa għadhom ma ħarġux bl-alternattiva tagħhom – Uħud minn dawk li qed jgħidu biex jaqtgħu l-ankri kollha, mhux jgħidu x’se jiġri wara. Li hu żgur hu li fost il-poplu Brittaniku mbagħad, maġġoranza kbira trid li l-pajjiż jimxi ’l quddiem u mhux jibqgħu staġnati fuq din il-problema.”
L-MEP qal li dak li qed jiġi propost fil-ftehim mhux se jaqta’ ż-żarda mill-ewwel anzi se jkun hemm perijodu ta’ sentejn jew aktar fejn l-affarijiet jibqgħu kif inhuma filwaqt li jkun qed jiġi miftiehem kif għandhom jinbidlu. Se jkun hemm żmien ta’ inċertezza imma l-aqwa argument tal-Prim Ministru May hu li ħadd ma ħareġ b’alternattiva oħra, qal Sant.
Il-kwistjoni tal-Irlanda baqgħet intopp kbir u s-sitwazzjoni minn dan il-lat hija staġnata. Il-Gvern Irlandiż mhux konvint li s-soluzzjoni diplomatika li ntlaħqet hija tajba. Intant Mrs May qed taffaċċja bosta kritika u mozzjoni ta’ sfiduċja li dieħla bil-mod il-mod. Dr Sant qal li għalissa l-ftehim ingħata l-ewwel firma mid-diplomatiċi taż-żewġ naħat u issa għad irid jingħata t-tieni firma mill-Parlament Ingliż u mill-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill Ewropew.
“Hemm ħafna xi tgħid fuq dan il-ftehim u għad irridu naraw hux se jkollu jsir it-tieni referendum. S’issa qed jintqal li le” temm jgħid Alfred Sant.