Il-qtil ta’ Lourdes Agius is-Sibt li għadda huwa r-raba’ femiċidju ta’ din is-sena f’Malta. Mill-2000, minn kull 4 femiċidji li seħħew f’pajjiżna, 3 minnhom saru minn qarib sew sieħeb tal-vittma. Dan minkejja li Malta implimentat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul fil-liġi tagħha. Stqarrija minn 36 NGO li jiġġieldu għad-drittijiet tal-bniedem u għall-ugwaljanza qalet dan.
Dawn l-NGOs qed jappellaw biex fost oħrajn, il-Pulizija tingħata taħriġ meħtieġ għal każi ta’ vjolenza kontra n-nisa, u jkollhom l-apparat meħtieġ biex jiġbru l-provi meta jkun irrappurtat xi każ ta’ vjolenza domestika jew kontra n-nisa. Fl-istess ħin, dawn l-għaqdiet appellaw biex kull każ ta’ dan it-tip ikun segwit mill-awtoritajiet mil-bidu sal-aħħar.