Ħafna kumpaniji tal-Gaming f’pajjiżna qed ifittxu aktar ħaddiema filwaqt li qed ikomplu jkabbru l-operat tagħhom.
Sostna dan ma’ ONE News il-Kap Eżekuttiv ta’ Gaming Malta Ivan Filletti b’reazzjoni għall-aħbar li l-kumpanija Genesis Global, fetħet proċedura ta’ insolvency tal-kumpanija, b’riżultat li numru ta’ ħaddiema ġew mingħajr impjieg.
Fil-fatt, is-Sur Filletti, iċċara l-fatti b’rabta ma’ dan il-każ.
Filletti spjega,“Biex niċċaraw ftit in-numri wkoll fuq il-payroll tagħhom bejn Novembru u Diċembru kien hemm 132 ruħ. Jiġifieri mhux in-numri li konnha qed nisimgħu f’ċertu areas tal-gazzetta. 59 minnhom kienu laħqu rriżenjaw għaliex ġabu job fis-settur jiġifieri jibqgħu 73.”
Filletti sostna wkoll kif id-deċiżjoni ta’ din il-kumpanija li tiftaħ din il-proċedura kienet purament waħda kummerċjali u ma tirriflettix problemi fil-qasam tal-Gaming f’pajjiżna.
Dan hekk kif l-akbar kumpaniji tal-Gaming propju jinsabu f’pajjiżna u hawn numru kbir ta’ impjiegi x’ jimtlew fis-settur.
Hu qal, “Id-deċiżjoni li ħadu kienet deċiżjoni purament kummerċjali tajjeb li nfakkru li l-ekosistema l-igaming ġewwa pajjiżna hija b’saħħitha ħafna. L-ikbar kumpaniji li hawn fid-dinja qegħdin hawn Malta u tajjeb insemmu li preżentament fl-industrija hemm 700 open vacancies fis-settur jiġifieri kważi kważi l-problema hija li ssib lin-nies biex jaħdmu fis-settur.”
Fil-fatt, is-Sur Filletti rrimarka l-għajnuna kbira li qed tingħata lill-ħaddiema li spiċċaw mingħajr impjieg minn Gaming Malta, biex jiġu rilokati ma kumpaniji tal-gaming oħrajn f’pajjiżna.
Hawn sostna wkoll li ħafna mill-ħaddiema diġà bdew jiġu intervistati minkejja l-perjodu ta’ festi li bħalissa għaddejjin minnu.
Filletti spjega, “Ħafna minnhom diġà bdew jiġu intervistati avolja qegħdin fil-holidays tal-Milied imma kulħadd qed jipprova jgħid biex dawn l-impjegati jerġgħu jkunu jkollhom ix-xogħol u ntaffulhom mill-uġigħ li għaddejjin minnhom.”
Mistoqsi dwar ir-reżiljenza ta’ dan is-settur li dejjem qed jibqa’ jikber f’pajjiżna Ivan Filletti sostna hekk: “Meta infatti kellna l-Covid-19 f’Malta naħseb li l-aktar kumpaniji li kienu reżiljenti kienu l-kumpanija tal-Gaming. Dal-aħħar qed nagħmlu wkoll ħafna viżti fil-kumpaniji tal-Gaming u qed naraw li hawn iżjed u iżjed qed jistaqsu għal aktar impjegati u qed ikabbru l-operat tagħhom ġewwa Malta.”