Minflok imdawwar bin-nies fuq il-Fosos, din is-sena l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien intervistat fid-daħla tad-Dar Ċentrali.
U anke jekk f’daru xi ftit intoppi ma naqsux. Fi tweġibiet li ħafna drabi injoraw il-mistoqsija, biex imbagħad ikun jista’ jikkritika lill-Gvern, Adrian Delia naqas milli jagħti proposti għat-tmexxija tal-pajjiż.
Tant li meta mitlub jagħti proposti għall-baġit tas-sena d-dieħla qal biss hekk. Adrian Delia kien qed iwieġeb għad-domandi ftit tal-ġimgħat wara vot ta’ fiduċja, li għalkemm rebħu, wera wkoll kif hemm ammont kbir ta’ nazzjonalisti attivi li ma jriduhx.
Fuq quddiem nett l-eks President tal-Kumitat Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, Mark Anthony Sammut. Minn dakinhar sal-lum baqgħu ma tkellmux.
Ma weġibx lanqas meta mistoqsi minn refa’ r-responsabbilta tat-telfa kbira ta’ Mejju li għadda u ma kienx ċar lanqas dwar għaliex ma sarx rapport tat-telfa kif qalulu ħafna biex jagħmel.
Adrian Delia eskluda li xi darba jerġa’ jagħmel koalizzjoni kif kien għamel Simon Busuttil qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Għalkemm qal li lest jitkellem ma’ kull min hu kontra l-Gvern.
Kien hemm imbagħad numru ta’ okkażjonijiet fejn dehret inkonsistenza fil-Partit Nazzjonalista.
Fosthom dwar il-ħatra ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew fejn baqa’ jindika li l-pożizzjoni tal-MEP David Casa mhix il-pożizzjoni tiegħu.
Delia kien inkonsistenti wkoll dwar proġetti nazzjonali. Wara li vvota favur il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista reġa’ qal li jridu l-ewwel isiru d-diskussjonijiet dwar jekk isirx il-proġett. U mistoqsi għaliex darlu, qal li l-problema l-Gvern u mhux hu.
Adrian Delia, kompla jikkritika lill-barranin li jaħdmu hawn Malta. Iżda, meta mistoqsi lil min ineħħi mill-ħaddiema li hawn f’pajjiżna, ma kellux risposta. Saħansitra għamel dikjarazzjonijiet kontra dak li ilu jgħid u li qal fl-istess intervista. Dwar il-ġejjieni Adrian Delia qal li l-importanti hu l-ewwel li jara hu xi jrid hu. U hawn reġa nfexx f’dagħdigħa ta’ negattività