Id-dinja tal-mużika għadha qed tibki t-telfa tal-kantant ewlieni tal-grupp Brittanniku Faithless, wara l-mewt ta’ Maxi Jazz.
Dan id-DJ, li miet fl-eta ta’ 65 sena, kien meqjus bħala talent inkredibbli fid-dinja tal-mużika moderna.
Maxi Jazz, li ismu proprju kien Maxwell Fraser, miet waqt l-irqad nhar il-Ġimgħa bil-lejl. Il-grupp Faithless jibqgħu magħrufa l-aktar għad-diski Insomnia, We Come 1 u God Is a DJ.
Diversi persuni mill-industrija tal-mużika taw ġieħ lil Jazz minn mindu tħabbret il-mewt tiegħu.Il-leġġenda Olandiża tat-trance, Armin van Buuren, esprima t-tama li l-mużika ta’ Jazz tibqa’ “tispira lil ħaddieħor”.
Il-kumpanija Rough Trade Records qalet li Maxi Jazz kellu “rwol ċentrali fid-dinja tal-elettronika Brittanika”, filwaqt li d-DJ Brittaniku Jules iddeskriva lil Jazz bħala “talent inkredibbli u ġentlom”.
Ma naqsux lanqas il-ħsibijiet ta’ Crystal Palace F.C, għaliex Maxi Jazz kien partitarju kbir, tant li fl-2012 sar associate director tal-klabb.