Purċissjonijiet, vari, visti u sawm.
Kliem sinonimi mal-Ġimgħa l-Kbira f’pajjiżna li jagħmlu parti kbira minn dawk li għandhom għal qalbhom dan iż-żmien partikolari tas-sena.
Żmien li jfakkar fit-tbatija li kellu jgħaddi minnha Ġesù Kristu qabel mewtu mindu Pilatu ħasel idu u kkundannah għall-mewt.
Madanakollu hekk kif ħafna huma familjari mal-mod ta’ kif tiġi ċċelebrata din il-festa tant importanti fil-kalendarju tal-Knisja f’pajjiżna, forsi ninsew li pajjiżi oħrajn minn madwar id-dinja, ukoll jiċċelebraw din il-festa bil-kbir.
Ewlenija fosthom hija Ġerusalemm fil-post fejn Kristu kellu jitla’ l-Golgota u jġorr is-salib li mbagħad kellu jissallab fuqu.
F’Ġerusalemm id-devoti ta’ Kristu jimxu l-passi tiegħu sakemm jaslu fuq il-Golgota. Wara jkun hemm funeral fil-forma ta’ purċissjoni fejn jitfakkar id-dfin ta’ Ġesù.
Fil-Vatikan, li huwa ċ-ċentru tal-Kristjaneżmu fid-dinja, il-Papa jiċċelebra quddiesa u jmexxi ċerimonja ta’ talb hekk kif jiġu mfakkru s-seba’ visti. Din hija magħrufa aħjar bħala l-Via Crucis. Din se tkun l-ewwel attività reliġjuża kbira f’Ruma mindu faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19. Fil-fatt, il-Ġimgħa wara nofsinhar il-Kolossew għalaq il-bibien tiegħu għall-pubbliku biex isiru l-preparamenti meħtieġa. L-attività mistennija tibda fid-disgħa u kwart ta’ filgħaxija.
Intant fost oħrajn fil-Filippini bosta nies isawtu lilhom infushom sakemm iċarċar id-demm. Uħud iġorru slaleb tqal tal-injam biex imbagħad jissalbu.
Dan għalihom huwa ġest ta’ penitenza u diversi jsostnu li wara dan l-att iħossuhom nodfa mid-dnubiet.
Fil-Ġamajka f’dan iż-żmien tas-sena, in-nies jaqbdu l-bajd, jisseparaw l-isfar tal-bajda mill-abjad u qabel titla’ x-xemx jitfgħu l-abjad ġo tazza ilma. Disinn jibda jifforma li n-nies tal-lokal jemmnu li jiżvela kif se tmut.