Malta hija bl-inqas ammont ta’ twelid ta’ trabi matul ix-xhur tas-sajf.
Dan joħroġ minn statistika tall-EUROSTAT fejn studju għax-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awwissu tal-elfejn u sbatax pajjiżna kellu rata ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija filwaqt li l-medja Ewropea hija ta’ sitta u għoxrin punt tnejn fil-mija.
L-ikbar rata rreġistrata kienet ta’ sebgħa u għoxrin punt tlieta fil-mija fis-Slovenja u l-Estonja.
Matul ix-xhur imsemmija f’pajjiżna twieldu ftit aktar minn elf tarbija filwaqt li f’sena twieldu ftit aktar minn erbat elef u tliet mitt tifel u tifla.
Fix-xhur fejn jinqlew l-ankri bis-sħana li taħkem, Awwissu kien l-aktar xahar li ra twelid f’pajjiżna iżda d-differenza tal-inċidenza tat-twelid bejn it-tliet xhur imsemmija hija minima ħafna.
Kif mistenni l-Ġermanja u Franza, żewġ stati membri kbar kellhom l-akbar numru ta’ twelid anki fix-xhur sajfija iżda l-istatistika tal-EUROSTAT imbagħad ħarġet il-persentaġġi ras għal ras.
Dr Alberto Vella, konsulent tal-ġinekoloġija spjega ma’ dan l-istazzjon li ħlas fis-sajf joħloq inqas problemi.
“Biss tagħmel differenza fil-bniedem li jekk il-baby jitwieled fis-sajf għandek inqas problemi speċjalment ta’ mard infettiv u respiratorju, ikun inqas fis-sajf ħafna drabi, allura naraw li jkun hemm iktar ħlasijiet fis-sajf għaliex? Imbagħad tiġi bil-kontra għaliex fis-sajf in-nies għandhom ħafna x’jagħmlu, ikollhom ħafna fejn joħorġu, ħafna fejn jiddevertu, allura ħafna inqas nies jinqabdu tqal fis-sajf.”
Dr. Vella saħaq magħna li għalkemm pajjiżna huwa l-inqas mill-pajjiżi Ewropej li jara ħlasijiet fis-sajf, id-differenza hija ċkejkna u għal mara li tkun qed iġorr tarbija taf toffri sfidi differenti biex teħles fis-sajf.