Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli u l-Kap Eżekuttiv ta’ media.link, Pierre Portelli qed isibuha diffiċli jsibu lil min jibagħtu għall-programmi tat-televiżjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Dan għax mhux qed jafdaw bosta persuni fil-grupp parlamentari tant li meta jkun hemm il-Parlament u l-ħidma ta’ kumitati parlamentari fl-istess ħin qed ikunu limitati ħafna biex isibu lil min jiddibatti f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fost l-iktar li qed imorru programmi hemm is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, id-Deputat Herman Schiavone u d-Deputat Kristy Debono. Iżda, dawn mhux biżżejjed.
Fil-fatt, it-Tnejn li għadda l-Partit Nazzjonalista ma sabx deputat x’jibgħat fi programmi li kien mistieden għalihom. Għax kien hemm żewġ programmi fl-istess ħin; Net Live u Pjazza. Il-Partit Nazzjonalista kellu l-Mark Anthony Sammut fuq in-Net iżda ħadd fuq il-ONE. Mark Anthony Sammut hu l-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista u għalkemm segwaċi kbir ta’ Daphne Caruana Galizia, li kitbet tant kontra Adrian Delia, daħal sew fil-grupp tal-kap, Puli u Portelli. Dan għax Mark Anthony Sammut għandu biss l-ambizzjoni li jrid isir deputat parlamentari u għalhekk qed jagħmel minn kollox biex jirkeb kemm jista’ fuq dak li tista’ tagħtih l-amministrazzjoni preżenti.
Filwaqt li fuq NET kien hemm Rosianne Cutajar tiddibatti f’isem il-Partit Laburista, fuq ONE ma kien hemm ħadd biex f’isem il-Partit Nazzjonalista jiddibatti ma’ Robert Abela u l-gazzetta KullĦadd żvelat kif internament inqalgħet kritika fil-Partit Nazzjonalista anke għaliex Mark Anthony Sammut sabha diffiċli ma’ Cutajar anke jekk kien megħjun mill-preżentatur. Fil-fatt biex jiġbrulu ġieħu qabdu ftit sekondi mill-programm u bdew ixerrduhom fuq il-midja soċjali.
Iżda, dan ma kienx biżżejjed. Iktar tard il-Partit Nazzjonalista kellu stedina biex jibgħat deputat għall-programm Realtà biex jiddibatti ma’ Edward Zammit Lewis.
Iktar minn hekk Mark Anthony Sammut intbagħat nhar il-Ġimgħa fuq l-RTK jiddibatti mal-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef.
Iżda, anke hemm ma bagħatx deputat u spiċċa bagħat lill-istess Sammut. Il-KullĦadd hija infurmata li l-fatt li l-klikka ta’ Delia hi lesta ma tibgħatx deputat basta ma tibgħatx lil dawk li tqishom mhux fdati qed jirrabja lil ħafna fil-Partit Nazzjonalista.