Michael (isem fittizju) qasam l-esperjenza tiegħu ma’ One.com.mt fejn saħaq li mess mad-droga l-ewwel darba minħabba li ma kienx sodisfatt f’ħajtu u dejjem ħassu inqas minn ħaddieħor.
Dan wassal biex daħal ġo problema kbira li ġiegħlitu jagħmel azzjonijiet li qatt ma stenna minnu nnifsu fosthom li anke wasal biex biegħ ġismu. Michael jirrakonta kif spiċċa anke jmur ma’ nies u jagħmel atti sesswali biex ituh il-flus għaliex id-droga tiswa biżibilju flus u f’lejl ġieli anke tajjar mal-€1,500.
Problemi fil-familja qatt ma kellu anzi jgħid li kellu trobbija tajba. Iżda kull fejn kien anke f’postijiet differenti tax-xogħol kien iħossu wżat jew li mhux kapaċi daqs ħaddieħor.
Fondazzjonijiet bħal Caritas u Oasi jisħqu li din tista’ tkun kawża li bniedem jibda jagħmel użu minn droga. Ma jfissirx li jkun minnu li l-bniedem ikun trattat ħażin iżda l-bniedem jekk ikollu dak il-ħsieb ikollu bżonn l-għajnuna biex jifhem iżjed lilu nnifsu u jibni stima lejh personali inkella jekk ma jitkellimx, jista’ jagħmel diversi azzjonijiet li jweġġgħu lilu nnifsu fosthom l-użu tad-droga.
Tajjeb li wieħed jitkellem. Jekk taf bżxi ħadd li għaddej minn problemi simili, ħeġġu jagħmel kuntatt mal-OASI fuq 2156 3333, Caritas fuq 2590 6600 jew SEDQA fuq 2388 5110.