Dik l-aħbar kerha li tibdilek ħajtek, aħbar li żgur ħadd ma jkun irid jisma’, din il-mara kuraġġuża kellha tismagħha tliet darbiet…L-aħbar li għandha kanċer.
Fuq ONE NEWS Breakfast, iddeskriviet l-emozzjonijiet tagħha l-ewwel darba li saret taf li għandha kanċer u li kienet ixxukkjata u ma tafx minn x’hiex se tgħaddi. Iżda wara li tkun għadek kemm iġġilidt din il-battalja, Doriette esprimiet id-diżappunt tagħha meta għat-tieni darba ngħatat l-aħbar li kellha kanċer ieħor.
Iżda dan ma kienx biżejjed, id-destin ta’ din il-mara kien li din is-sena terġa’ tieħu l-aħbar ħażina li l-kanċer reġa’ tfaċċa u sal-bieraħ stess mit-testijiet mediċi rriżulta li għadha ma feqitx.
Fix-xahar iddedikat għall-kanċer tas-sider, Pink October, Doriette xtaqet li twassal il-messaġġ tagħha lin-nisa kollha, biex anke jekk ma jħossux lump, xorta waħda għandhom jagħmlu t-testijiet neċċessarji, għaliex bħalha, dik il-mara li tkun qed tgħix ħajja normali u ma tirrealizzax li għandha kanċer, jaf ikun tard wisq għaliha.
Fil-messaġġ emozzjonali tagħha, hija spjegat l-importanza tas-sapport mill-familjari, qraba u l-organizazzjonijiet li jaf ikunu l-unika wens waqt din il-battalja.