Disa’ ħaddiema tax-xatt mistennija jirċievu kumpens ta’ €1.7 miljun bejniethom wara li l-Qorti ippreseduta mill-Imħallef Lorraine Schembri Orland iddeċiediet li saret diskriminazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema.
Il-każ imur lura għall-elfejn u tmienja meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien iddeċieda li jintroduċi skema ta’ irtirar kmieni għal ħaddiema tax-xatt. Wara li d-disa’ impjegati inkwistjoni aċċettaw din l-iskema u ħadu l-kumpens kif maqbul, meta waslu għall-età tal-pensjoni ta’ wieħed u sittin sena huma tilfu wkoll id-dritt tat-tiġdid tal-liċenzja tal-port.
Il-ħaddiema argumentaw li l-liċenzja hija bħal propjetà tagħhom u ma kellhomx jitilfu d-dritt minn fuqha.
Il-Qorti qieset li l-ħaddiema tal-port ħadu kumpens għat-telf tal-liċenzja sa meta waslu biex jirtiraw imma deċiżjoni oħra f’Qorti Kostituzzjonali kienet tgħid li l-ħaddiema tax-xatt kellhom jieħdu kumpens sa meta jiġu biex jagħlqu 71 sena.
Wara li l-Qorti laqgħet l-argumenti tal-ħaddiema, il-Gvern ġie ordnat iħallas kumpens ta’ ftit aktar minn €188,000 kull wieħed.