Il-ħaddiema tas-servizzi ta’ detenzjoni u l-aġenzija għall-ħarsien ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil l-AWAS se jibbenefikaw minn skema ta’ benefiċċji għall-inċidenti personali fuq ix-xogħol.
Dan wara taħdidiet bejn il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-liġi u l-General Workers Union.
F’laqgħa li fiha kien issiġillat dan il-ftehim il-Ministru Byron Camilleri fakkar li din hija inizjattiva oħra ta’ dan il-gvern favur il-ħaddiema u b’dan il-ftehim se jgawdu mijiet ta’ ħaddiema.
Il-Ministru Camilleri sostna, “Din hija skema li introduċa Gvern laburista ftit tas-snin ilu biex minnha jgawdi l-ħaddiem. Primarjament kien hemm ħaddiema tal-forzi dixxiplinati u xi wħud minn dawk fil-qasam tas-saħħa. Jien u l-Gvern ħassejna li magħhom għandna ninkludu dawk il-ħaddiema fis-settur tal-immigrazzjoni primarjament l-AWAS u anki tas-servizz ta’ detenzjoni.”
Il-Ministru Camilleri qal li kulħadd jaf li fl-aħħar ġimgħat kien hemm mumenti ta’ sfida għal dawn il-ħaddiema.
Hu żied jgħid li kien għalhekk li l-Kabinett tal-Ministri ried li jekk hemm dritt li jistgħu jikkwalifikaw għalih joħduh u dan hu wieħed minnhom.
Is-segretarju tat-Taqsima tal-Forzi Dixxiplinati fil-General Workers Union, Theo Vella, laqa’ dan il-ftehim.
Is-Sur Vella stqarr, “Dan ifisser li għall-inqas jekk Alla ħares qatt xi ħadd minnhom jispiċċa jkorri b’tali mod li ma jgawdix u jistax ikompli jgawdi l-impjieg tiegħu, ħa jkollu dan il-benefiċċju li jkun kopert hu u l-familja tiegħu.”