It-Tlieta, ħaddiema ta’ salvataġġ irnexxielhom joħorġu diversi persuni ħajjin u oħrajn mejta minn waħda mill-aktar minjieri profondi fl-Afrika t’Isfel, fejn mijiet ta’ ħaddiema llegali ilhom maqbuda taħt l-art għal diversi xhur f’xaft abbandunat wara ġlieda mal-awtoritajiet.
Gruppi ċiviċi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema qalu li mill-anqas 24 persuna mejta u 34 fi stat ħażin inħarġu mill-minjiera tad-deheb Buffelsfontein. Aktar minn mitt minatur huma maħsuba li mietu minħabba nuqqas ta’ ikel u ilma filwaqt li 400 oħra għadhom qed jistennew li jiġu salvati. Il-pulizija qalu li ma jafux eżatt l-ammont li baqa’ però l-probabiltà hi li huma mijiet.
Il-minjiera ħdejn il-belt ta’ Stilfontein fil-Punent ta’ Johannesburg ilha lok ta’ ġlieda tensa bejn il-pulizija, minaturi u membri tal-komunita lokali minn Novembru, meta l-awtoritajiet għamlu l-ewwel tentattiv sabiex jisfurzaw lill-ħaddiema joħorġu mill-minjiera. Rapporti qed isostnu li uħud minnhom ilhom taħt l-art minn Lulju jew Awwisu li għadda.
L-awtoritajiet qed jgħidu li l-minaturi jistgħu iżda qed jirrifjutaw li joħorġu, fatt li qed ikun disputat minn gruppi u attivisti li jiddefendu d-drittijiet fejn anke kkritikaw it-tattiċi użati mill-pulizija li qatgħu l-provista tal-ikel u l-ilma tal-ħaddiema f’attentat biex jisfurzawhom joħorġu.
Il-moviment radikali MACUA, li f’Diċembru li għadda ressaq ilment fil-qorti sabiex il-minaturi jingħataw ikel, ilma u mediċina, ħarġu żewġ filmati meħuda b’telefon ċellulari li juru għexieren ta’ minaturi mejta mgeżwra fil-plastik u oħrajn ħajjin iżda fi stat ħażin waqt li jitolbu l-għajnuna.
F’Novembru l-Ministru tal-Kabinet Khumbudzo Ntshavheni qal lill-ġurnalisti li l-gvern ma kienx se jgħin lill-minaturi għax kienu kriminali.