Mill-ħmistax ta’ Novembru li ġej, id-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Coronavirus, se tibda tingħata lill-ħaddiema tas-saħħa, lill-carers fid-djar tal-anzjani, lill-ispiżjara, lill-għalliema u lil residenti u ħaddiema fi djar residenzjali.
Dan it-tilqim mistenni jingħata fi żmien xahar biex fl-erbatax ta’ Diċembru, id-doża addizzjonali tibda tingħata lil persuni ta’ bejn is-sittin u s-sebgħin sena.
Dawn id-dettalji ħabbarhom id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne illejla fil-Parlament waqt l-estimi finanzjarji tal-Budget għall-Ministeru tas-Saħħa.
Huwa spjega li dan jista’ jsir wara r-ritmu tajjeb li bih miexi t-tilqim tat-tielet doża tal-vaċċin, wara li ġew imlaqqma l-anzjani kollha fid-djar residenzjali u dawk b’immunità baxxa, u żewġ terzi tal-anzjani fil-komunità li għandhom aktar minn sebgħin sena.
Chris Fearne fakkar kif mil-lum beda wkoll it-tilqim tal-influwenza lil kull min għandu iktar minn ħamsa u ħamsin sena fiċ-Ċentri tas-Saħħa madwar Malta u Għawdex.
Il-Ministru tas-Saħħa ħabbar ukoll li mill-ewwel ta’ Novembru, dawk l-istabbilimenti u postijiet li jaċċettaw biss nies imlaqqma, inkluż ristoranti u swali tat-tiġijiet, se jkunu qed jaraw aktar tnaqqis fil-miżuri.
Fost l-oħrajn, avvenimenti sa massimu ta’ tliet mitt ruħ, jistgħu jsiru mingħajr il-bżonn ta’ distanza soċjali.
Is-sitwazzjoni se tkun sorveljata b’mod kontinwu, biex jekk kollox imur sew, l-awtoritajiet tas-saħħa jkunu jistgħu jirrilaxxaw aktar miżuri, fosthom tiġi kkunsidrata l-possibilità li l-avvenimenti jsiru bilwieqfa.
Dan il-moniteraġġ se jsir ukoll f’Diċembru bil-għan li għal żmien il-Milied, ikollna l-ħajja soċjali lura, kif imdorrijin biha qabel il-pandemija.
Intant, minn għada t-Tlieta sitta u għoxrin ta’ Novembru, pajjiżna se jibda jirrikonoxxi ċ-ċertifikati tal-vaċċin taċ-Ċilì, tal-Ażerbajġan, tal-Libja, tal-Kolombja, tal-Ġappun u tal-Oman.