Tfaċċa skandlu ieħor fil-Parlament Ewropew, immexxi minn Roberta Metsola. Dan hekk kif is-sit awtorevoli Politico żvela li dejta personali ta’ eluf ta’ ħaddiema ta’ din l-istituzzjoni Ewropea nsterqet fl-aħħar jiem u, flok qed jingħataw informazzjoni dwar dak li qed jiġri, tħallew fil-għama mill-amministrazzjoni ta’ Metsola.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Parlament Ewropew wissa lil aktar minn 9,000 ħaddiem, li tagħrif personali, inkluż in-numri tal-karta tal-identità, ċertifikati u rekords mediċi, fost l-oħrajn, insterqu minn hackers.
Jirriżulta li l-informazzjoni, li nħarġet illegalment mill-istituzzjoni, tmur lura għall-aħħar għaxar snin u tikkonċerna lil dawk kollha li ħadmu fil-Parlament Ewropew, anke dawk li llum m’għadhomx.
Il-kumitat, li jirrappreżenta lill-assistenti fil-Parlament Ewropew, kiteb lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola dwar x’passi qed jittieħdu dwar dan il-każ.
Minkejja dan, ma’ Politico, uħud minn dawk affettwati sostnew li hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni magħhom mit-tmexxija tal-Parlament Ewropew. Xi ħaġa li waslet f’livelli ta’ frustrazzjoni.
Is-sit internazzjonali sostna li dawn il-ħaddiema jinsabu rrabjati, waqt li dawn qed jistennew it-tweġibiet mit-tmexxija tal-President Roberta Metsola.
Madankollu, waqt li Metsola għadha ffokata biex tavvanza l-karriera politika tagħha personali fuq livell Ewropew, dawn l-eluf ta’ ħaddiema tħallew lampa stampa.
Sadanittant, kif inhu magħruf il-kandidata Nazzjonalista bħalissa qegħda ddur hawn Malta, anke jekk, fl-istess ħin, qed tevita d-dibattiti ma’ kandidati bħalha u saħansitra taħrab il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Minflok, xtrat magażin tat-Times of Malta biex tipprova twassal messaġġ li hi “l-unika tama għal Malta”.