Dawn l-aħħar ġimgħat il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid kien fil-mira ta’ atti ta’ vandaliżmu. Is-Sindku Dominic Grima talab l-għajnuna tal-pubbliku biex kull min jara xi att vandalu jew inkella jaf b’xi informazzjoni utli, jinforma lill-Pulizija minnufih.
Fir-ritratti tidher il-ħsara li saret fit-twieqi fil-binja tal-Kunsill. Barra minn hekk saret ħsara fuq l-għamara ta’ barra fi Ġnien Pawlu Boffa, liema ġnien sewa xejn inqas minn €96,000 biex tlesta. Il-ħsara li saret għandha implikazzjonijiet koroh. Fost oħrajn tqaċċtu tabbelli li fuqhom hemm indikat liema etajiet jistgħu jużaw partijiet differenti mill-bandli. Għalhekk jekk xi ħadd iweġġa’ għaliex ikun uża bandla mhux adattata għalih, jista’ jeħel il-kunsill, li huwa fid-dmir li jagħmel dawn in-notifiċi. Dan huwa wkoll l-ewwel bandli aċċessibbli għal min juża siġġu tar-roti.
Issa l-Kunsill qed iħares lejn l-installazzjoni ta’ sistema ta’ cameras li jdawwru l-binja, iżda din iġġib magħha ċertu ammont ta’ spejjeż. Is-sindku qal li l-ħaddiema jinsabu mbeżża’, fid-dawl ta’ din l-agressività. Spjega li l-bandli huwa magħmul minn tip ta’ materjal li diffiċili wieħed ikissru, għalhekk kellha tintuża forza kbira.
Agħfas fit-tarf tar-ritratt biex tara aktar ritratti.