Ħaddiem tal-kumpanija Enemalta ġew issuttati b’bajd u b’boroż tal-ilma waqt li kienu qegħdin jirranġaw il-ħsarat biex ireġġgħu lura l-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi.
Dan anke ġie kkonfermat mill-General Workers’ Union.
Matul dan il-lejl, il-ħaddiema tal-Enemalta, komplew bit-tiswijiet tal-cables taħt l-art, u ħsarat oħra li esperjenzat is-sistema tad-distribuzzjoni.
Dan fid-dawl tar-raba’ lejl tal-heatwave, li laqtet in-nofsinhar tal-Ewropa din il-ġimgħa, fejn anke nħarġet twissija ħamra mill-Uffiċju Meteoroloġiku għall-pajjiżna llum.
B’rabta ma’ dan, l-istess unjin tal-ħaddiema ħarġet stqarrija, fejn qalet li “jkun aktar ta’ preġju u għajnuna li persuna tnewwlilhom tazza ilma friska milli twaddbilhom xi ħaġa filwaqt li jkunu mdendlin fil-għoli jew f’xi trinka jsewwu.”
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela, żar ukoll lill-ħaddiema waqt li kienu qegħdin fuq il-lant tax-xogħol ġewwa Ħal Far.