Madwar 70 ħaddiem fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet ser igawdu minn ftehim kollettiv ġdid.
Ftehim li ġie ffirmat il-Ġimgħa filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’.
Fil-fatt, dawk fil-grad ta’ managers jew professjonisti fi ħdan l-Awtorità se jkunu qed igawdu minn żieda finanzjarja. Dan filwaqt li se jgawdu minn arretrati datati mill-2019 u li jammontaw għal total ta’ €335,000.
Schembri fisser li jekk ikollna nħarsu lejn dan l-investiment fuq bażi ta’ sitt snin, l-investiment kumulattiv fis-salarji ta’ dawn il-ħaddiema tal-Awtorità tal-Artijiet, bejn dawk fi grad ta’ professjonisti u dawk fi grad maniġerjali se tkun qabżet il-miljun u tliet mitt elf ewro.
B’hekk b’dan l-iffirmar, il-ħaddiema kollha tal-Awtorità tal-Artijiet li jammontaw għal madwar 230 persuna huma koperti minn ftehim kollettiv.
Il-Ministru Silvio Schembri stqarr: “Bħalissa għaddej ukoll reklutaġġ għal clerical officers, office assistants, drafts persons, senior officers u kif ukoll mill-aspett legali. Dan hu Gvern li ma jieqafx jaħdem sakemm jara li kull ħaddiem ikun ħa l-kumpens li ħaqqu.”
Il-Ministru Schembri temm ifakkar kif fil-Budget għas-sena d-dieħla introduċa bosta miżuri, bħat-tnaqqis fit-taxxa għal part-timers, taxxa fuq l-overtime ta’ 15% fuq l-ewwel €10,000 u €150 fis-sena f’In-Work Benefit għal 40,000 ħaddiem li jaħdmu ħinijiet mhux tas-soltu.
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, is-Sur Robert Noel Vella qal kif l-Awtorità tqis il-ħaddiema tagħha bħala s-sinsla tas-servizz li toffri. B’hekk, b’dan il-ftehim kollettiv qed tiġi rikonoxxuta l-bżulija u tiġi premjata l-isforzi u l-ħidma effiċjenti.
Qal li b’dan l-istess ftehim, qed tingħata individwalment ukoll l-importanza mistħoqqa lil dawn il-ħaddiema li jagħmlu xogħol tant siewi fejn tidħol l-amministrazzjoni tal-art u l-propjetajiet tal-Gvern: “Ħa nipprova nikkompeti bil-kundizzjonijiet tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol tfisser aktar flessibiltà, iktar family friendly measures għal kulħadd u iktar metodi kif dak li jkun jħossu komdu li jaħdem hawn ġew.”