Ħaddiema ta’ Palumbo, dalgħodu ma daħlux għax-xogħol bħala protest wara li tkeċċa kollega tagħhom. Il-kuntratt tal-ħaddiem li tkeċċa kien sal-20 ta’ Awwissu. Il-GWU qalet li skont il-kumpanija, r-raġel tkeċċa għaliex ma jaħdimx, bir-reazzjoni tal-ħaddiema tkun li dan mhux minnhu.
Il-kumpanija b’reazzjoni għal dak li seħħ dalgħodu qalet li l-ħaddiem li tkeċċa kien għadu taħt probation u tneħħa għaliex xogħlu ma kienx sodisfaċenti. L-istqarrija ta’ Palumbo kompliet tgħid li apparti minn dan il-ħaddiem kellu mġieba inaċċettabbli tant li kienu diġà sarulu numru ta’ twissijiet verbali dwar dan l-għaġir.
Palumbo qalet li minkejja li mhux obbligata, l-kumpanja se tkun qed tħallas lill-ħaddiem imkeċċi sa tmiem il-kuntratt, jiġifieri sal-20 ta’ Awwissu.
B’reazzjoni għall-ilmenti li saru mill-ħaddiema ta’ Palumbo lill-GWU dwar ħaddiema barranin li qed jiddaħlu jaħdmu mal-kumpanija “mingħajr is-snajja meħtieġa”; ntqal minn Palumbo li preżentament il-kumpanija timpjega 110 persuna li 90% tagħhom huma Maltin filwaqt li l-ħaddiema l-oħra huma ta’ nazzjonalità Taljana u għandhom il-ħiliet neċċesarji.
Il-ħaddiema ġew imwissija, mill-GWU, biex ma jiddiskutux is-sitwazzjoni mal-management ta’ Palumbo sakemm ma jkunx hemm uffiċjal tal-union preżenti. Ingħataw ukoll istruzzjonijiet biex ma jiffirmaw ebda riżenja sakemm mhux fil-preżenza tal-Union.
Dalgħodu uffiċjal tal-Union kellu laqgħa mat-tmexxija tal-kumpanija Palumbo.
Jesmond Marshall mill-GWU qal li dan il-każ jista’ jinstema’ quddiem it-Tribunal Industrijali.