Għadd sostanzjali ta’ ħaddiema tal-kumpanija Foster Clark li jaħdmu fil-fabbriki li l-kumpanija għandha fil-Qasam Industrijali ta’ San Ġwann ingħaqdu mal-lista ta’ ħaddiema oħrajn u rreġistraw lilhom infushom bħala donaturi tal-organi.
Dawn il-ħaddiema wieġbu għal sejħa li saritilhom mill-Ministeru għas-Saħħa bħala parti mill-kampanja li għaddej biha l-istess Ministeru bl-għan li jkun hawn ħafna aktar persuni li jirreġistraw bħala donaturi tal-organi.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ltaqa’ ma’ rappreżentanti tat-tmexxija u tal-ħaddiema waqt żjara li għamel f’waħda mill-fabbriki li matulha kien ippreżentat bid-dokumenti uffiċjali tad-donazzjoni.
Id-Deputat Prim Ministru feraħ lil dawn il-ħaddiema u awgura li ħaddiema oħrajn jieħdu l-eżempju tagħhom f’dan l-att nobbli.