Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ppreżentaw il-premjijiet tal-15-il edizzjoni tal-Gozo Tourism Awards.
Caroline Veranneman rebħet il-Premju għall-Ħaddiem tas-Sena fit-Turiżmu f’Għawdex. Hija kienet fost diversi ħaddiema u negozji fit-turiżmu li ġew rikonoxxuti għall-kisbiet tagħhom fl-industrija matul iċ-ċerimonja tal-Premjijiet tat-Turiżmu f’Għawdex, organizzata mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex aktar kmieni din il-ġimgħa.
Matul din iċ-ċerimonja ingħataw diversi premjijiet oħra fosthom l-Premju għall-Kisbiet tul il-Ħajja fit-Turiżmu, il-Premju għar-Rikonoxximent Speċjali fit-Turiżmu u l-Premju għall-Impenn fit-Turiżmu.
Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg faħħar lill-assoċjazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ dawn il-premjijiet.
“Il-gżira Għawdxija qiegħda tkompli tiddentifika ruħha bħala destinazzjoni ta’ kwalità u din hija għallura fil-linja tal-Gvern li jixtieq li la darba ntlaħqu numri rekord ta’ turisti… Jagħmlu din l-esperjenza l-ħaddiema li jservu, in-negozjanti li jinvestu u ħafna drabi l-mod ta’ kif jinvestu jkunu qiegħdin jikkonservaw il-wirt storiku, l-ambjent naturali, biex dawk li jżuruhom ikollhom l-isbaħ esperjenza”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, saħaq li d-dedikazzjoni kontinwa u l-isforz kollettiv, imexxu l-industrija tat-turiżmu ’l quddiem f’Għawdex.
“Huwa ta’ sodisfazzjon li anke propju mill-aħħar statistika naraw li anke fix-shoulder months qed jibqa’ jiżdied it-turiżmu ġewwa l-gżira ta’ Għawdex u propju dan jkompli jagħqad mal-istess viżjoni tal-istess Gvern li t-turiżmu f’Għawdex ikun ta’ kull staġun”.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, saħaq li l-awtorità qed tkompli żżid l-investiment tagħha biex tippromwovi lil Għawdex bħala esperjenza unika għat-turisti.
Ir-rebbieħa Caroline Varenneman ħeġġet biex aktar żgħażagħ jidħlu f’din l-industrija.
“Nikkoraġixxi liż-żgħażagħ biex jidħlu f’dan is-settur għax vera għandna bżonn żgħażagħ lokali li jidħlu bid-dedikazzjoni kollha għal dan ix-xogħol tagħna”.