Sebgħin ħaddiem tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, li pparteċipaw b’suċċess f’taħriġ mill-Occupational Health & Safety Unit, ġew ippreżentati biċ-ċertifikati fl-Ewwel Għajnuna u f’kors speċjalizzat dwar kif titħaddem b’mod sigur Mobile Elevated Work Platform.
Fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi ngħad li t-Taqsima tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol kontinwament taħdem biex issaħħaħ l-għarfien dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tal-istess dipartiment.
F’diskors tal-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia enfasizza l-importanza tat-taħriġ regolari u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, waqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar dawn l-inizjattivi.
Qal, “Sodisfatt immens li nara li d-Dipartiment ikun proattiv biex il-ħaddiema tagħna jingħataw l-opportunitajiet kollha biex jaħdmu b’mod sigur u f’ambjent sigur. Għaldaqstant inħares ’il quddiem biex inkomplu nsaħħu din it-taqsima u nassiguraw li noħolqu aħna stess l-opportunitajiet biex il-ħaddiema tagħna jtejbu l-ħiliet tagħhom”.
Tkellem ukoll Marfred Bugeja, Principal Health and Safety Officer fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, li ħabbar li aktar tard din is-sena se jsiru korsijiet fl-użu ta’ makkinarju tqil, bħal gafef, excavators u dumpers.
Hu spjega wkoll li hemm il-ħsieb li jiġu organizzati korsijiet dwar it-tifi tan-nar u fire wardens.