Tlieta u sebgħin ħaddiem mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se jkunu qed jingħataw taħriġ permezz ta’ żewġ programmi speċjalizzati, wieħed dwar il-vulnerabbiltajiet fost l-anzjani, u ieħor dwar kif wieħed jista’ jgħin lill-anzjani permezz tal-arti, li tinkludi mużika, tpinġija u drama. Dan ħabbru l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.
Dawn il-programmi se jkunu offruti mill-Università ta’ Malta wara li ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn l-Università u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità. Il-Ministru Farrugia spjega li filwaqt li diġà jeżistu diversi ftehimiet mal-Università ta’ Malta, dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet f’diversi oqsma ta’ tagħlim matul il-ħajja.
Il-Ministru Farrugia saħaq fuq l-importanza li l-ħaddiem ikompli jingħata it-taħriġ kollu possibbli biex ikun jista’ jagħti servizz ta’ kwalità. Huwa tenna li programmi bħal dawn se jkunu qed jassiguraw propju dan filwaqt li jassiguraw li l-anzjani jirċievu l-aħjar servizzi possibbli.
Il-Ministru qal li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se joffri wkoll placements għal studenti universitarji li qegħdin isegwu xi korsijiet relatati mal-ġerantoloġija. Dan se jwassal biex il-ħaddiema jkunu mgħarrfa aktar dwar kif jidentifikaw vulnerabbiltà fost l-anzjani jew abbuż, jidentifikaw ukoll jekk anzjan ikunx qed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u b’hekk ikunu jistgħu jingħataw l-assistenza meħtieġa.
Dan se jwassal biex il-ħaddiema jkunu aktar konxji tal-vulnerabbiltajiet tal-anzjani filwaqt li jgħarrfuhom minn kmieni biex id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ikun jista’ jintervjeni b’mod immedjat. Barra minn hekk, permezz tal-arti, l-anzjani jgħixu ħajja attiva hekk kif jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet.
Il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva qal li kull programm, li huwa ffinanzjat mid-Dipartment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fih għoxrin siegħa mifruxin fuq tliet xhur. Fi tmiem il-programm jingħata ċertifikat t’attendenza.