Il-General Workers’ Union ippubblikat żewġ rapporti, wara riċerka li saret dwar il-perjodu li d-dinja għaddiet mill-agħar pandemija medika fl-aħħar 80 snin, dik tal-COVID-19.
Dan wara li ġiet innotata l-importanza tad-djalogu soċjali fis-soċjetà ta’ madwarna fejn minkejja li l-pandemija għaddiet, spjegaw kif xorta hu kruċjali li d-djalogu soċjali effettiv jibqa’ attiv.
Il-General Workers’ Union kienet fost it-trejdunjins li ħadu sehem fil-proġett, bl-isem ‘Trade Unions For A Fair Recovery: Strengthening the role of trade unions in mitigating the impact of the COVID-19 crisis’. Dan kien iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, b’kollaborazzjoni mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) u matulu saru diversi studji u nħarġu rapporti dwar it-tisħiħ tar-rwol tat-trejdjunjins vis-à-vis l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19.
Fost l-oħrajn inħolqu żewġ rapporti.
L-ewwel rapport, bl-isem ‘COVID-19 Impact on the Employment Conditions of Women, Youth, People with Disabilities and Atypical Workers’, kien ibbażat fuq stħarriġ fost 340 ħaddiem u membri fi ħdan il-GWU kif ukoll 15-il intervista ma’ parteċipanti differenti abbażi tal-abbiltajiet u l-ġeneru tagħhom.
Fost affarijiet oħrajn irriżulta li ż-żieda fit-teknoloġija tal-informatika fi żmien il-pandemija, l-użu ta’ komunikazzjoni bl-emails, chat groups u mezzi oħrajn wasslu biex il-ħaddiema spiċċaw jaħdmu siegħat itwal u anke kien hemm ħaddiema li lmentaw li min iħaddimhom ippretenda li jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum.
Skont l-istess rapport irriżulta li kien hemm uħud li rrapportaw li tilfu l-impjieg, oħrajn li żdidilhom l-istress fuq ix-xogħol kawża ta’ siegħat itwal ta’ xogħol u l-ammont ta’ xogħol mitlub minnhom.
Ir-rapport kien jinkludi wkoll il-kuntentizza u s-saħħa mentali fejn 40% ta’ dawk li rrispondew l-istħarriġ qalu li s-sitwazzjoni marret għall-agħar mill-bidu tal-pandemija u madwar 35% qalu li s-saħħa fiżika tagħhom marret għall-agħar.
Ir-riċerkaturi għalqu l-istudju b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet, fosthom li jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-teleworking, kif għadu kemm ġie implimentat fis-Servizz Pubbliku Malti.
Minbarra hekk, ġie ssuġġerit li min iħaddem jibqa’ jħares is-saħħa mentali tal-ħaddiema tiegħu billi fost l-oħrajn dawn ikollhom dritt li wara l-ġurnata tax-xogħol tagħhom jaslu f’punt li jaqtgħu kompletament mix-xogħol.
Dan hu dak magħruf bħala r-right to disconnect, li dwaru ħadem ħafna l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba.
Ir-riżultati miksuba fit-tieni rapport, ‘Cross-Sectoral Recommendations for the National Recovery and Resilience Plan (NRRP)’, kienu maħsuba biex itaffu l-effetti tal-pandemija u l-perjodu ta’ wara, jagħtu leħen lill-ħaddiema u speċjalment permezz tat-trejdjunjins, ifasslu u jżidu r-rwol tagħhom mal-imsieħba soċjali, waqt li jaġġornaw, jiddefinixxu mill-ġdid u jimplimentaw il-pjan ta’ rkupru nazzjonali.