25 impjegat tal-BOV, li 11 minnhom kienu donaturi għall-ewwel darba, taw id-demm waqt il-BOV Blood Donation Drive organizzata mill-Bank of Valletta b’kollaborazzjoni mas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.
Kull sena, ħafna pazjenti huma grati għall-att ġeneruż ta’ dawk li jagħtu d-demm. Demm mogħti huwa integrali għas-sostenn tat-trattament ta’ tfal żgħar, nisa li jkollhom bżonn id-demm wara li jwelldu u pazjenti li jgħaddu minn operazzjonijiet kbar.
Id-demm jitma’ lill-ġisem u l-organi b’ossiġenu u nutrijenti li huma essenzjali għas-saħħa. Borża ta’ demm hija pproċessata fi tliet prodotti: red cell concentrate; plażma u platelets, u għalhekk persuna waħda tista’ tgħin biex issalva tliet ħajjiet.
Intqal kif is-saħħa tad-donaturi ma tiġix affettwata meta jingħata d-demm u qabel kull donazzjoni jsir eżami mediku biex jiddetermina jekk persuna hijiex b’saħħitha u eliġibbli biex tagħti d-demm.
Irġiel ta’ bejn it-18 u l-65 sena jistgħu jagħtu d-demm mill-inqas darba kull tliet xhur, waqt li n-nisa jistgħu jagħtu kull erba’ xhur (kull 3 xhur wara l-menopawża).
Qatt m’hu tard wisq biex issir donatur tad-demm.
Wieħed jista’ jżur iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fi G’Manġia kuljum bejn it-8:00 u s-6:00pm.
Għal aktar informazzjoni idħol fuq www.blood.gov.mt, żur www.facebook.com/bloodmalta jew ċempel fuq 8007 4313 jew 7930 7307.