“Nappellalkom biex tobdu r-regolamenti għaliex aħna naħdmu u nieħdu pjaċir li tirringrazzjawna, imma l-akbar ringrazzjament tagħtuhulna bil-parteċipazzjoni tagħkom biex din l-imxija b’xi mod jew ieħor innaqsuha u fl-aħħar mill-aħħar nirbħuha.”
Dan kien l-appell ċar ta’ Johan Briffa, ħaddiem fil-qasam tas-saħħa, li sostna illi permezz ta’ sforz kollettiv biss nistgħu negħlbu din l-isfida tal-pandemija li laqtet lid-dinja kollha.
Is-Sur Briffa tkellem ma’ dan l-istazzjon wara messaġġ skjett fuq il-profil tiegħu fuq Facebook li fih qal li huwa japprezza li l-poplu Malti juri l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema li qed jaħdmu qatigħ biex tiġi kkontrollata l-pandemija f’pajjiżna madanakollu, dan l-apprezzament m’għandux jintwera biss permezz ta’ ċapip u r-ringrazzjament, iżda, billi kulħadd jimxi mal-miżuri tas-saħħa.
Is-Sur Briffa appella wkoll biex in-nies ma jwaħħlux f’dak u l-ieħor iżda talab biex kulħadd jagħmel il-parti tiegħu.
Il-ħaddiem fil-qasam tas-saħħa, li jaħdem mas-servizz tal-ambulanza li jwasslu pazjenti li jkunu pożittivi bil-COVID-19 lejn l-Isptar Mater Dei appella għall-prudenza fl-osservanza tal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Huwa saħaq: “Naħseb li n-nies qegħdin jafdaw wisq, qegħdin jafdaw fis-sens li pereżempju kollegi tax-xogħol flimkien qegħdin jafdaw ħafna lil xulxin. Anke familji li m’humiex tal-istess residenza jafdaw lil xulxin, ħbieb, ġirien. Qed imorru f’ħafna postijiet aħna fejn ikun hemm ammont sostanzjali ta’ nies jaħdmu u tinduna li jafdaw lil xulxin għax anke l-maskri iniżluhom taħt imnieħerhom.”