Ħaddiem tal-Enemalta li nstab ħati li bagħbas fil-meters tad-dawl flimkien ma’ żewġ persuni oħra, intbagħat jaħdem tliet mija u erbgħin siegħa f’xogħol komunitarju.
Fil-Qorti nstema’ kif il-ħaddiem, Marvin Cucciardi ta’ disgħa u tletin sena miż-Żurrieq, kien ġie akkużat fl-elfejn u ħmistax li għamel ħsarat f’xi meters, heddet terzi persuni, aċċetta li jixxaħħam u abbużawmill-pożizzjoni tiegħu.
Il-ħati kien inħareġ fuq pleġġ u f’Novembru tas-sena li għaddiet, kien ammetta l-akkużi l-oħra miġjuba kontrih.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qieset li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u kellu kondotta nadifa qabel dan l-att.
Għaldaqstant, il-qorti ordnat lil Cucciardi biex iwettaq xogħol komunitarju bla ħlas u li jitpoġġa taħt interdizzjoni ġenerali perpetwa.