Joseph Calleja ta’ 60 sena li huwa impjegat ta’ Identity Malta wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ miżapproprjazzjoni, iffalsifikar ta’ dokumenti u frodi. Calleja huwa responsabbli mit-tranżazzjonijiet għall-ħruġ tal-passaporti.
Il-Prosekuzzjoni qalet li Calleja kien responsabbli mir-rikonċiljazzjoni tal-fondi u li ġie sospiż mix-xogħol wara li tqajmu numru ta’ suspetti wara li nstabet diskrepanza fil-flus miġbura.
Fil-fatt dwar dan il-każ il-Gvern ħareġ stqarrija l-Erbgħa u qal li s-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanzi u Simplifikazzjoni ġie infurmat li Identity Malta talbet lill-pulizija tinvestiga allegat każ ta’ misappropjazzjoni ta’ fondi fil-Unit tal-Passaporti.
Jirriżulta li meta t-tmexxija ta’ Identity Malta temmet proċess ta’ rikonċiljazzjoni, li jinkludi analiżi tal-irċevuti kollha maħruġa mill-Unit, kontra t-transazzjonijiet tad-depositi bankarji, instab li kien hemm diskrepanza fil-figuri.
Mill-ewwel indikazzjoni jidher li d-diskrepanza tammonta għal bejn €20,000 u €25,000.
Identity Malta sabet fil-pussess ta’ Joseph Calleja irċevuti li kienu mbagħbsa. Is-Segretarjat Parlamentari qal li huwa nfurmat li meta mitlub jispjega din is-sitwazzjoni mit-tmexxija ta’ Identity Malta, il-ħaddiem ammetta li kien ħa l-flus u offra li jroddhom lura, bil-patt li ma tiddaħħalx il-Pulizija.
Dak il-ħin stess Identity Malta talbet lill-Pulizija biex tibda l-investigazzjonijiet meħtieġa.
Il-Maġistrat laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000.