Emmanuel Catania ta’ 55 sena ingħata kumpens ta’ ftit iżjed minn €169,000 mill-kampanija Palumbo Malta Shipyards.
Dan wara li l-Qorti żammet lill-kumpanija responsabbli ta’ inċident li seħħ f’Diċembru tal-2012, fejn Catania sofra diżabilità permanenti ta’ kważi 50%.
Fil-Qorti ħareġ kif parti mix-xogħol ta’ Emmanuel Catania kien li jassigura li l-għodda meħtieġa mill-ħaddiema jkunu sew. Dakinhar tal-inċident huwa nnota li grinder partikolari ma kienx qed jaħdem sew u ddeċieda li jieħdu lejn il-workshop b’forklifter.
Fil-Qorti intqal kif kien fi triqtu lejn il-workshop, beda tiela’ t-telgħa, bil-forklifter beda nieżel lura, ħabat ma’ crash barrier u Catania waqa’ għoli ta’ madwar 13-il metru ġol-baċir.
Fuq il-post, diversi ħaddiema semgħu ħoss qawwi u marru jtuh l-ewwel għajnuna, sakemm wasal tim mediku u ttieħed lejn l-isptar.
Ġewwa l-isptar, Catania spiċċa fit-Taqsima għall-Kura Intensiva u kien fil-periklu li jitlef ħajtu.
Fil-Qorti ħareġ ukoll kif minn spezzjoni li saret wara fuq il-forklifter irriżulta kif dan kellu diversi gauges, li ma jaħdmux u nstab ukoll li l-lifter kien mingħajr diesel.
Intqal kif l-operaturi li jaħdmu fuq il-forklifter ma kellhom l-ebda taħriġ professjonali. Hawnhekk il-Qorti qalet li dan kollu jitfa’ dell serju fuq il-kumpanija minħabba s-sigurtà tal-ħaddiema.
Min-naħa tagħha, il-kumpanija fil-Qorti, ċaħdet l-allegazzjonijiet u argumentat li hija ma taħtix għall-inċident, hekk kif skont hija l-inċident seħħ tort ta’ nuqqas t’attenzjoni mir-raġel.