Għall-ħabta tas-sebgħa ta’ dalgħodu l-Pulizija ta’ Birżebbuġa ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa l-power station ta’ Delimara minħabba raġel li waqa’ minn għoli.
Fi stqarrija ntqal l-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel Grieg ta’ madwar 50 sena, waqa’ għoli ta’ madwar erba’ metri waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħol ta’ kostruzzjoni.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.