Ħaddiem ta’ 29 sena sofra ġrieħi gravi wara li waqa’ żewġ sulari għoli waqt li kien qed jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni fil-Belt Valletta.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-19:00 ta’ filgħaxija meta l-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assitenza tagħhom fuq cruise liner ġewwa l-Port il-Kbir, il-Belt Valletta.
Il-Pulizija mid-Distrett marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li filwaqt li ħaddiem ta’ 29 sena residenti l-Montenegro kien qiegħed jagħmel xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq lift għal xi raġuni waqa’ madwar żewġ sulari.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr A Vella LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.