Joseph Ellul ta’ 38 sena li kien jgħix Marsaxlokk huwa r-raġel li traġikament tilef ħajtu f’inċident fl-inċineratur tal-Wasteserv tal-Marsa.
Dan l-inċident sfortunat seħħ għall-ħabta tad-9 ta’ dalgħodu meta intalbet l-assistenza ta’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Iżda sfortunatament ftit wara r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Intant, f’kummenti mal-midja fuq il-post tal-inċident, il-Kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani qal kif dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca, filwaqt li l-investigazzjonijiet qed isiru mill-Pulizija mid-distrett tal-Ħamrun.
Huwa qal kif il-Pulizija qed tinvestiga d-dinamika kif ġara dan l-inċident sfortunat.
Qal li fuq il-post hemm membri tal-Pulizija, flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA.