Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, bdiet il-kumpilazzjoni b’rabta mal-każ traġiku f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Ħamrun.
Miriam Pace, omm ta’ 54 sena spiċċat mirduma taħt it-tifrik u tilfet ħajjitha.
Erba’ persuni, il-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena, il-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena, il-kuntrattur Ludvic Dimech ta’ 36 sena u Nicholas Spiteri ta’ 42 sena ħaddiem li jaħdem mal-Kuntrattur, qed jiġu mixlija li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace u kkaġunaw ħsara fuq proprjetà privata fost akkużi oħra.
Xehed l-Ispettur Robert Vella li qed imexxi l-investigazzjonijiet.
Qal li fit-2 ta’ Marzu daħal rapport ta’ dak li kien seħħ bil-pulizija marru u sabu parti minn dar u anke parti minn garaxx li kienu ġġarrfu.
Il-Pulizija kellha suspett li kien hemm mara taħt it-tifrik u ssejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ambulanza.
L-Ispettur Vella qal li kif wara fuq il-post ċempel lir-raġel ta’ Miriam u qallu li 5 minuti qabel ġara l-każ kien qed jitkellem ma’ martu.
Minn hemm bdiet operazzjoni mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili. Bil-katavru ta’ Miriam Pace nstab qalb it-tifrik għall-ħabta tal-10:15 ta’ billejl.
Qal li l-pulizija bdiet tinterroga numru ta’ persuni u l-post baqa’ taħt moniteraġġ 24 siegħa kuljum.
L-Ispettur Robert Vella qal li żewġ ħaddiema li kienu fuq il-post, fosthom Nicholas Spiteri u l-kuntrattur Ludwig Dimech, ġew mitkellma. Dawn qalu li huma ma bdewx jagħmlu xogħol ta’ skavar. Il-kuntrattur qal li hu mexa skont l-ordni tal-Perit inkluż fuq il-ħajt li tneħħa.
Ħaddiem Albaniż bl-isem ta’ Erbios Hysa kien ilu 15-il ġurnata jnaddaf l-iskart tal-kostruzzjoni. Saħaq li Nicholas Spiteri beda juża musmar biex ikisser xi ġebel taħt ir-residenza u wara ftit li beda juża gaffa bil-martell ċeda l-bini.
Filmat meħud minn stabbiliment fiż-żona wera li ftit qabel l-inċident kienet tidher gaffa taħt ir-residenza bil-binja taqa’ ħdejha.
L-ispettur Vella qal li l-Albaniż min-naħa tiegħu qal li l-gaffa bil-martell iċċaqalqet mill-post u li anke gaffa oħra kienet ġiet imċaqalqa.
Bl-Albaniż qal lill-pulizija, li Spiteri qallu biex ma jgħid xejn dwar dan “għax problemi kbar ikollok”. L-Albaniż qal li hu kien imbeżża’.
L-Ispettur Robert Vella xehed li dan il-ħaddiem Albaniż meta beda jiġi mitkellem xehed li jrid jgħid il-verità dwar dan il-każ, bil-patt li jkun protett.
Il-każ se jkompli nhar it-Tnejn fejn mistennija jixhdu il-ġirien tal-familja Pace li ġew affettwati f’dan il-każ.