Minn 70,000 persuna f’pajjiżna li l-maġġoranza minnhom huma anzjani u li kollha ħadu d-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Covid-19 ħadd ma hemm rikoverat l-isptar.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li ta aġġornament dwar l-aħħar żviluppi tal-Covid-19 f’pajjiżna: “Għandna 70,000 ruħ li ħadu d-doża tal-booster ma hemm l-ebda wieħed minnhom li huwa l-isptar. Jiġifieri jidher li l-booster jipproteġi mmens anke meta tqis li dawn huma l-anzjani tal-komunità tagħna.”
Dwar il-każijiet li hemm bħalissa l-Isptar Mater Dei, id-Deputat Prim Ministru spjega li 40% minnhom ma ħadux it-tilqima kontra l-Covid-19 u b’hekk turija oħra dwar l-importanza li kulħadd jieħu l-vaċċin.
Madankollu d-Deputat Prim Ministru Fearne spjega li madwar 100 ruħ kuljum mill-5% tal-popolazzjoni li ma ħadux l-ewwel tilqim kontra l-Covid-19, issa qed jersqu sabiex jieħdu t-tilqima.
Il-Ministru għas-Saħħa ta dettalji dwar kif miexi b’mod tajjeb it-tilqim bid-doża addizzjonali u aktar nies se jibdew jirċievu l-istedina biex jieħdu d-doża addizzjonali.
Dwar il-miżuri restrittivi f’pajjiżna, id-Deputat Prim Ministru spjega li għalkemm hemm żieda minima fil-każijiet f’pajjiżna, in-numri fl-isptar Mater Dei u partikolarment fit-Taqsima għall-Kura Intensiva baqgħu baxxi.
Għalhekk filwaqt li mhux ħa jkunu qed jitneħħew il-miżuri li fadal fis-seħħ, miżuri ġodda aktar restrittivi mhux se jkunu qed jiddaħħlu.
Dwar attivitajiet fl-iskejjel għal żmien il-Milied, id-Deputat Prim Ministru ħabbar li dawn se jkunu jistgħu jsiru madankollu r-regoli jridu jiġu osservati: “Il-ġenituri li jridu jidħlu għall-conert jridu jkunu mlaqqmin u jrid ikun hemm forma ta’ verifika taċ-ċertifikat tal-vaċċin għalissa mhux bil-booster, l-event trid tkun seated u min jattendi jrid jilbes il-maskra u ma jistax ikun hemm iktar minn 300 ruħ għal kull attività.”
Dwar it-tilqima tal-influwenza sa issa ngħataw madwar 55,000 tilqima.
Minn nhar it-Tnejn, dan il-programm ta’ tilqim se jkun miftuħ għal kulħadd u t-tilqim jista’ jingħata mingħajr appuntament fiċ-ċentri tas-saħħa mferrxin madwar Malta u Għawdex.