It-Tnejn waranofshinar il-Ministru għall-Ħarsien u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ressaqq liġi għall-konsultazzjoni dwar iż-żamma tal-annimali slavaġ fiż-żu.
B’dan l-avviż legali propost se tibda issa konsultazzjoni pubblika sabiex eventwalment ikun jista’ jidħol fis-seħħ fil-liġi Maltija.
“Naħseb li l-emendi li qed nipproponu għal-legal notice tat-2003 huma importanti ħafna, għax kif tara mit-2003 sal-lum għadda ħafna żmien allura naturalment minħabba ċ-ċirkostanzi trid tibdel. Dawn l-emendi ser jagħmlu restrizzjonijiet sħaħ u jġibu fl-ordni dawn iż-zoos.”
Fost il-punti ewlenin li semma l-Ministru Refalo kien hemm li l-ebda persuna mill-pubbliku ma tista’ tersaq jew b’kwalunkwe mod tmiss l-annimali slavaġ fiż-żu, lanqas biex tieħu ritratt.
Miżuri oħrajn japplikaw għall-ħaddiema, fosthom li jridu jkunu kwalifikati.
L-annimali jridu jkunu magħluqa f’żona adegwata, dejjem mgħassa b’kameras tas-sigurtà, iċċipjati u fejn hu possibli msewwija.
“Fost ħafna restrizzjonijiet qegħdin ngħidu illi zoo huwa zoo għalkemm ma jkunx miftuħ sebat ijiem, qegħdin ngħidu wkoll li hemm bżonn insurance coverage, il-keepers kif għandhom ikunu, CCTV Cameras, Captive breeding mhux permess, bżonn ta’ neutering within 6 months minn meta jinħareġ il-liċenzja, ma jistax ikun hemm kuntatt bejn il-persuna u l-pubbliku u l-annimal.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ħareġ li jekk xi darba sid iż-żu jinstab ħati ta’ trattament mhux xieraq tal-annimali l-ewwel darba jista’ jeħel multa ta’ €2,000 sa €65,000 u għat-tieni reat jeħel multa ta’ €6,000 sa €80,000 u possibilità ta’ 3 snin priġunerija.
Bħalissa f’Malta hawn sitt zoos b’annimali slavaġ li jiftħu għall-pubbliku.
Il-Ministru Refalo qal ukoll li qed jiġu proposti restrizzjonijiet tat-tagħmir tal-annimali slavaġ għal kummerċ illegali waqt li jiġi żgurat li kwalunkwe programm ta’ tagħmir għall-konservazzjoni t’annimali slavaġ se jinżamm għaddej.
L-abbozz ta’ leġiżlazzjoni jindirizza wkoll rakkomandazzjonijiet u osservazzjonijiet magħmula f’rapport li sar f’Awwissu ta’ din is-sena mill-Kummissarju tat-Trattament Xieraq tal-Annimali Denis Montebello.