Il-ġinekologu Dr Mark Sant qal li r-rwol tiegħu fl-elezzjoni se jkun li jeleġġi Gvern li se jkompli jsostni l-ġid fil-pajjiż, li jkompli jieħu ħsieb il-ħtiġijiet ta’ kull wieħed miċ-ċittadini, ta’ kull wieħed mill-minoranzi, u ta’ gruppi żgħar ta’ nies bħal gruppi infertili.
“Ħadd mhu se jbellagħhieli li l-ġid li sar fil-pajjiż kienet xi evoluzzjoni naturali li kienet se tiġri, jkun hawn min ikun hawn fit-tmexxija” qal Dr Sant.
Jekk irridu nsostnu dan il-ġid, ma nistgħu naħsbu li jkun hawn min ikun hawn, se nibqgħu għaddejjin. Dan qalu mill-esperjenza tiegħu, bħala wieħed miż-żewġ konsulenti responsabbli mill-IVF fl-isptar Mater Dei.
Spjega li dejjem kien hemm it-teatru tal-IVF, mgħammar b’kollox. Imma minn dan kollu, qatt ma ntuża xejn. Dan it-tagħmir kellu jibidel għax spiċċa skadut. Illum bejn 30 u 40 koppja qed jiġu trattati kull tmien ġimgħat.
Qal li l-unika ħaġa li wiret dan il-Gvern kienet mażra m’għonq kull min ried ikollu t-tfal bl-IVF. Qal li kien tkellem ħafna ma’ Marlene Farrugia, u jekk Simon Busuttil jaħseb li se jneħħila xi ħaġa li jkollha f’moħħha, aħjar jerġa’ jaħsibha. Qal ukoll li kien prova jitkellem max-shadow minister tas-saħħa, imma lanqas biss iltaqgħu. Jiġifieri meta jiġu għall-ħtiġijiet tal-individwi, mhux se jaraw l-interess ta’ dawn iż-żgħar, imma se jgħoddu l-voti. U dan mhux tajjeb għas-soċjetà tagħna.
“Hemm bżonn tmexxija li tħares l-interessi tan-nies, mhux il-voti” temm jgħid Dr Sant.