L-20 t’April magħrufa bħala 4/20 huwa jum importanti ħafna għall-attivisti li jaħdmu bis-sħiħ sabiex il-persuni li jagħmlu użu mill-kannabis rikreazzjonali jkollhom aktar drittijiet.
Qalet dan is-Segretarju Parlamentari għar-Riforma u l-Ugwaljanza Rosianne Cutajar, fejn saħqet li għalkemm f’Malta l-użu tal-kannabis għal skop rikreazzjonali mhux legali, Gvern Laburista ilu li beda t-triq lejn aktar sensibbiltà lejn dawn il-persuni.
Rosianne Cutajar qalet li skont studju li tħejja dawn il-persuni jammontaw għal aktar minn 40,000 individwu. Żiedet tgħid kif ħames snin ilu f’Malta ġiet emendata l-liġi li l-pusess żgħir ta’ kannabis għall-użu personali ma jibqax reat kriminali, kif ukoll ġiet legalizzata l-kannabis għall-użu mediku.
Saħqet li persuna m’għandix għalfejn tiċċapsilha l-kondotta jew tispiċċa l-ħabs għax tikkonsma l-pjanta tal-ħaxixa, hekk kif dan hu mifrux fis-soċjetà.
Qalet li ser tkompli taħdem biex tneħħi l-istigma u jkollna proposti leġislattivi li jirriflettu din is-soċjetà.