“Kulħadd jista’ jgħaddi minn dawn l-episodji, nista’ nkun jien għada, tista’ tkun inti u l-importanti li ma tiddejjaqx titkellem u li tfittex l-għajnuna. M’hemmx għalxiex tistħi għaliex il-kwistjoni tas-saħħa mentali, bħal kull ħaġa oħra, problema fil-qalb, taz-zokkor u aktar. Jiena wieħed minn dak li nemmen li f’xi stadju tal-ħajja kulħadd ikollu bżonn ifittex l-għajnuna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Kien dan il-messaġġ ta’ kuraġġ li għadda l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fil-Bibljoteka Nazzjonali hekk kif il-Ħadd filgħodu ħa sehem f’attività kemxejn differenti minn tas-soltu, bl-isem ta’ room4ideas mal-atleta Neil Agius u l-imprenditriċi Donna Cardona, dwar diversi temi kurrenti li jolqtu b’mod dirett il-ħajja tan-nies.
Quddiem dan kollu, il-Prim Ministru aċċenna kif pajjiżna qed jiffoka ħafna fuq l-istrateġija dwar is-saħħa mentali.
Hawnhekk ġie spjegat li għal dawk il-persuni li jirrisjedu fl-isptar Monte Karmeli u jeħtieġu kura akuta, is-servizzi li jingħataw qed joħorġu ‘l barra fil-komunitajiet.
“Biswit l-isptar Mater Dei ikollna sptar ieħor dwar is-saħħa mentali biex din id-distinzjoni ngħidilha misħuta bejn li inti jkollok bżonn tieħu kura dwar is-saħħa mentali u kura oħra fiżika tkun xi tkun irridu naqtugħa. Jekk il-binjiet mhux se nġibuhom biswit xulxin bla distinzjoni ta’ xejn bejniethom mhux se jirnexxielna naslu hemmhekk.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna li investiment ieħor li se jkun qed isir b’rabta ma’ dan, huwa fis-CDAU, it-taqsima tal-assessjar tal-iżvilupp tat-tfal. Dan hekk kif se tkun qed issir rilokazzjoni tal-binja.
Waqt din it-taħdita, Neil Agius ħareġ b’idea dwar kif it-tfal tagħna jistgħu jitgħallmu eżerċizzji tan-nifs, li jwasslu għal benefiċċji kbar fil-benesseri tagħhom.
“Jekk ngħallmu t-tfal, intuhom skills bħal breath work qabel jibda jikteb fuq il-karta, jagħmel il-breath works, jikkalma u it’s going to foster a lot of growth, more confidence, they can over perform kif nagħmel jiena. How can I swim for 60 hours in that intensity fid-dlam ċappa f’nofs il-baħar kiesaħ silġ, x’nagħmel? I have my tools and my skills and processes. Għandna proċess għall-Gvern biex meta jiġru xi affarijiet ħżiena nistgħu ndaħħluhom, proċessi għal ġisimna.”
Neil Agius, Atleta
L-għawwiem Neil Agius spjega li l-isports huwa vitali għall-ħajja tagħna u hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela sostna li meta ddaħħal l-attività fiżika fil-ħajja tiegħek ifisser li jkollok aktar dixxiplina. Dan jingħaqad ukoll ma’ nutrizzjoni tajba.
Dr Abela tenna li l-ħsieb tat-tagħlim tal-iskejjel m’għandux jibqa’ ċċentrat biss fuq il-homework, imma hemm bżonn diskussjoni iktar wiesgħa biex isiru l-bidliet li huma meħtieġa.
L-omm ta’ erbat itfal u imprenditriċi Donna Cardona spjegat li llum il-ġurnata, bl-ammont ta’ għarfien li qed jingħata fuq dan is-suġġett lit-tfal fl-iskejjel qed jiġi trasmess lill-ġenituri.
“Sa ftit xhur ilu kont qiegħda f’diskussjonijiet mar-Richmond u grazzi għal dawk id-diskussjonijet ħloqna kors biex noffru it-tools u l-għarfien lill-ġenituri biex jifhmu ftit kif ċertu kundizzjonijiet fis-saħħa mentali jiżviluppaw fit-tfal, kif it-trobbija, kif ċertu behaviour jiżviluppa, kif jgħarrfu ċertu sintomi u fejn għandhom isibu l-għajnuna.”
Donna Cardona, Imprenditriċi
Segwi d-diskussjoni hawnhekk: