Il-Prim Ministru Joseph Muscat appella biex kulħadd iżomm il-kalma u ħadd ma jaqa’ għall-provokazzjonijiet.
Huwa kien qed jagħti reazzjoni għall-protesti vjolenti barra l-Parlament fejn kien hemm mumenti meta persuni li kienu qed jipprotestaw dawru l-karozza tal-Ministru Owen Bonnici.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr: “Wieħed għandu dejjem jappella għall-kalma. Jien nifhem li dik kienet reazzjoni li ma tixhidx il-fehma tan-nies anke ta’ dawk in-nies li huma kritiċi tal-gvern naħseb li ma jaqblux ma’ dak li sar. Jien min-naħa tiegħu u naħseb li l-kritika għandha dejjem issir b’kalma sħiħa mingħajr provokazzjonijiet u fuq kollox li ħadd ma jaqa’ għall-provokazzjonijiet.”
Uħud min-nies li pprotestaw infexxew f’insulti filwaqt li bdew isabbtu u jimblukkaw il-karozza milli titlaq. Kawża ta’ dan weġġgħu ħafif uffiċjali tal-Pulizija.
Dak li ġara l-Erbgħa filgħaxija ġab ukoll ir-reazzjoni mill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Fi stqarrija huwa saħaq li għandhom jittieħdu l-passi fil-konfront ta’ dawk il-persuni li eċċedew il-limitu u kissru l-liġi b’mod manifest, inkluż bi vjolenza u danni volontarji fil-konfront tar-rappreżentanti tal-poplu.
Dr Farrugia saħaq li dan l-aġir xejn responsabbli jista’ jiġi meqjus ukoll bħala reat kontra l-Ordinanza dwar il-Privileġġi u s-Setgħat tal-Kamra tad-Deputati.
Intant fil-kummenti mal-midja Dr Muscat fakkar li huwa ħa deċiżjonijiet li assiguraw li l-pajjiż wasal f’xi ħaġa bla preċedent.
Dan hekk kif sar żblokk fuq investigazzjoni ta’ każ kriminali ewlieni.
“Jien kuntent li dak li ħaddieħor qal li ma tistax issir, jiġifieri li jaħdmu l-istituzzjonijiet, qed isir għax l-istituzzjonijiet qegħdin jaħdmu”, temm jgħid il-Prim Ministru.