Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami reġa’ għamel dak li jinqala’ ħafna fih – jitgħajjar bl-addoċċ. Il-Partit Laburista saħaq li l-Oppożizzjoni ta’ Simon Busuttil tibqa’ taħseb li għandha d-dritt divin li tagħmilha ta’ prosekutur, ġurat u imħallef. Iżda tant m’għandha ebda kredibbiltà, li ħadd ma jeħodha bis-serjetà.
Il-Partit Laburista qal li filwaqt li tkun aggressiva fuq allegazjonijiet li diġà ġew miċħuda mill-persuna involuta u li l-pulizija u l-Avukat Ġenerali għadhom qed jinvestigaw, l-istess Oppożizzjoni m’għamlet xejn fuq każijiet, u mhux allegazzjonijiet, li ġew deċiżi mill-istituzzjonijiet kompetenti f’pajjiżna:
- Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina li nstab ħati minn inkjesta li bagħat ħaddiema tal-Gvern jaħdmu fil-każin Nazzjonalista taż-Żurrieq waqt il-ħin tax-xogħol u li ġielgħom jieħdu ġurament falz, bil-Qorti ma temminx il-verżjoni ta’ Toni Bezzina.
- Id-deputat Nazzjonalista Chris Said li nstab ħati mill-Awditur Ġenerali li ndaħal personalment fuq fejn u għand min għandhom imorru l-flus tal-kunsilli l-loakli u li kiser il-prinċipji tat-trasparenza.
- Is-Sindku tar-Rabat Għawdex Samuel Azzopardi li nstab ħati mill-Qorti ta’ sewqan perikoluż taħt l-effett tal-alkohol u li reġa tpoġġa minn Simon Busuttil fil-kariga li kien jokkupa qabel l-każ.
Il-Partit Laburista qal li l-lista ma tieqaf qatt u hemm ħaġa waħda komuni fil-każijiet kollha. Minkejja l-paroli kollha tiegħu fuq governanza, Simon Busuttil qatt ma jieħu passi fuq in-nies qrib tiegħu, anke jekk ikun ippruvat l-għemil ħażin tagħhom. Jibqa’ joħroġ għonqu għal ta’ madwaru, jagħmlu x’jagħmlu.
“Dawn huma d-double standards li l-Kap Nazzjonalista huwa sinonimu għalihom u li qed iwaqqgħu lill-Partit Nazzjonalista fl-iktar livell baxx tal-istorja tiegħu,” temm jgħid il-Partit Laburista.