Anzjana ta’ 79 sena u raġel ta’ 56 sena ħelsuha ħafif wara li allegatament xi ħadd mhux magħruf, fis-satra tal-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn ta n-nar il-bieb tad-dar tagħhom fi Triq Santu Wistin fil-Ħamrun.
Kienu għall-ħabta tas-01:30 ta’ dalgħodu li l-Pulizija ntalbet tmur fuq il-post waqt li n-nirien kienu laħqu tferrxu mal-faċċata li ġiet sewda faħma. Fuq il-post marru wkoll il-vetturi tat-tifi tan-nar tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw u tfew in-nirien.
In-nar għamel ħsara kbira mat-tieqa u l-bieb ta’ barra u mhux eskluż li għamel ħsara wkoll fl-ewwel kamra tad-dar. Jidher li min ta n-nar lill-bieb tefa’ xi oġġett jaqbad u kisser ukoll il-ħġieġ tat-tieqa.
Il-membri tal-protezzjoni ċivili għenu lil anzjana u lir-raġel biex joħorġu mid-dar. Ir-raġel ddeskriva x-xena ma’ ONE News bħala waħda trawmatika u sostna li fil-ħin tal-inċident kienu reqdin.
Għalkemm ħadd ma weġġa’, issejħet ambulanza b’tim paramediku li għen lill-anzjana u lir-raġel minħabba xi duħħan li setgħu belgħu.
Nies fuq il-post qalu ma’ ONE News li dan ma kienx l-ewwel każ ta’ nirien f’dn it-tri. Fl-aħħar ġimgħat ta’ Settembru, tliet karozzi ngħataw in-nar bil-konsegwenza li żewġt idjar ġarrbu xi ħsarat.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar tal-każ għadhom għaddejjin.