Ħadd ma weġġa’ meta ċilindru tal-gass sploda f’gallarija fi blokka ta’ appartamenti fil-Gżira.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6:00 ta’ filgħaxija wara li żviluppaw xi nirien fl-istess gallarija.
L-isplużjoni għamlet ħoss qawwi ħafna, b’diversi oġġetti u tifrik jispiċċaw itiru fit-triq.
Minkejja dan, ħadd ma weġġa’ fl-inċident, li żgur seta’ kellu diversi konsegwenzi aktar serji.
Dan għax fil-ħin li sploda ċ-ċilindru tal-gass diġà kien hemm persuni li, flok tbegħdu mix-xena, marru eqreb biex jiffilmjaw.
Fuq il-post kien hemm preżenza qawwija ta’ ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, tim mediku, uffiċjali tal-Pulizija u minn Transport Malta.