Illum, ftit qabel is-siegħa ta’ waranofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm seħħet serqa minn ħanut fi Triq San Pawl, ir-Rabat.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarrig preliminari li sar irriżulta li raġel mgħammad u liebes hoodie daħal fil-ħanut u ġiegħel lill-impjegata sabiex ittih il-flus.
Ir-raġel li kien armat b’arma li taqta’ u bil-ponta rnexxielu jaħrab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.
L-impjegata li għandha 23 sena ma sofriet l-ebda ġrieħi.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr M Farrugia LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.