Wara li gallarija f’binja antika sfrondat fi Triq l-Imrejkba fil-Qawra, jirriżulta li ħadd ma weġġa’.
L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, qed jinvestigaw b’mod konġunt dak li seħħ fuq din il-binja li nbniet fis-snin 80 u fuq żvilupp li qed isir fil-vicinanzi.

B’mod preliminari, iż-żewġ entitajiet governattivi talbu għal dikjarazzjoni mill-perit responsabbli mix-xogħol ta’ kostruzzjoni biex jikkonferma li ma hemm l-ebda periklu fil-madwar.
Sadanittant l-awtoritajiet ħarġu avviż għal waqfien mix-xogħol sakemm isir l-istħarriġ neċessarju u kollox ikun aċċertat li hu konformi mal-liġi.

L-awtoritajiet itennu wkoll l-appell biex kull min iħoss il-ħtieġa li jikkuntattja l-awtoritajiet għandu jagħmel dan permezz tal-helpline 138.
