Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li ħadd ma salva fl-aċċident tal-bieraħ li kien jinvolvi ajruplan reġjonali ta’ American Airlines u ħelikopter militari tal-Istati Uniti Black Hawk meta ħabtu fl-ajru u ġġarrfu fix-xmara Potomac f’Washington. Dan huwa l-agħar diżastru tal-ajru mill-2001. Mingħajr l-ebda evidenza, Trump tefa’ l-ħtija fuq il-politika Demokratika ta’ Obama u Biden u l-programmi tal-inklużjoni.
It-tfittxijiet ġew posposti matul il-lejl hekk kif baqa’ mill-anqas 14-il persuna nieqsa b’għexieren ta’ katavri jittellgħu mill-ilma. Fuq l-ajruplan kien hemm 60 passiġġier u 4 membri tal-ekwipaġġ filwaqt li tliet suldati kienu abbord il-ħelikopter.
Fost il-vittmi diversi atleti żgħażagħ tal-figure skating, ħafna minnhom promettenti f’livell għoli kif ukoll koppja Russa li kienu rebħu l-kampjonati tad-dinja fl-1994 u li kienu ilhom jaħdmu bħala kowċis fl-Istati Uniti mill-1998.
Il-Bord Nazzjonali tas-Sigurtà fit-Trasport li qed imexxi l-investigazzjoni dwar il-każ, qal li l-apparat li fih jinġabar l-informazzjoni tat-titjira, magħrufa bħala black boxes, kien ġie rikoverat u qed jittamaw li jkollhom rapport preliminari fi żmien 30 ġurnata.
Esperti qed jgħidu li kemm iż-żewġ piloti abbord it-titjira 5342 kif ukoll il-bdoti militari fil-Black Hawk kienu familjari mal-ispazju tal-ajru kumpless tal-akwati u l-kap tal-union tal-ħaddiema tat-traffiku tal-ajru iddikjara li kien għadu kmieni wisq biex wieħed jispekula.