Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qed jibqa’ jiddefendi lil Chris Said minkejja li fir-rapport li ħareġ l-Awditur Ġenerali, l-istess Awditur mhux biss ma emminx lil Chris Said, iżda qal li Said kiser kull prinċipju ta’ good governance.
Il-Partit Laburista fi stqarrija saħaq li dawn huma d-double standards tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li tant jitkellem fuq standards u governanza tajba, fejn qed jibqa’ jiddefendi lil Said, li skont l-Awditur Ġenerali, li tant isemmi meta jaqbillu, dan mar kontra dawn l-istess prinċipji li jitkellem dwarhom.
“L-atteġġjament ta’ Simon Busuttil huwa sintomatiku ta’ politiku elitista li jaħseb li jista’ jibqa’ għaddej mingħajr xkiel, li għandu kejl differenti mhux biss ma min ma jaqbilx miegħu iżda anke ma’ dawk ta’ madwaru. Illum, il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jibqa’ jiddefendi lil min kien jindaħħal direttament huwa fuq deċiżjonijiet ta’ Bord.”
Il-Partit Laburista kompla jgħid li Busuttil qed jiddefendi lil min ħalla lill-Kunsilli Lokali bi djun kbar. “Qed jiddefendi lil min kien iċċensurat mill-Awditur Ġenerali. Fuq kollox qed jiddefendi lil min, bħal oħrajn, qed jiksrulu l-kliem tiegħu stess. Għalhekk ħadd ma jieħdu bis-serjetà,” temm jgħid il-Partit Laburista.