L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil qal li ħadd ma jista’ jakkuża li Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi li ħalla ekonomija mkissra.
Busuttil qal dan waqt li kien fuq il-podcast ta’ Karl Bonaci. Din mhiex l-ewwel dehra ta’ Simon Busuttil, fl-aħħar jiem, hekk kif anki indirizza attività tal-għaqda Repubblika fil-Belt Valletta.
F’intervista ta’ madwar siegħa u għoxrin minuta, Busuttil qal li Gvern Nazzjonalista ħalla ekonomija b’saħħitha.
“Kellna ekonomija b’saħħitna aħna, il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern ma ħalliex ekonomija mkissra żġur, ħadd ma jista’ jakkużana b’dan, anzi ħallejna ekonomija b’saħħitha.”
Din id-dikjarazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista u Viċi Kap Nazzjonalista taħt Lawrence Gonzi tistona sew, hekk kif fi żmien Gvern Nazzjonalista, il-pajjiż irreġistra numru rekord ta’ qgħad u anki d-defiċit.
Ma’ dan, Simon Busuttil kompla jgħid li bi Gvern Nazzjonalista, il-pajjiż kellu pedamenti ekonomiċi tajbin.
“Il-pajjiż li kellu pedamenti ekonomiċi veru tajbin, konna nemmnu fil-politika tagħna.”