Inċident f’Birżebbuġa ħalla raġel ta’ 28 sena residenti Ħal Tarxien midrub. Ir-raġel, li kien qed isur mutur Yamaha, huwa membru tal-Forzi Armati ta’ Malta u kien sejjer lura d-dar mix-xogħol.
Kien għall-ħabta tas-13:30 meta kellu impatt ma’ karozza misjuqa minn mara ta’ 27 sena residenti Ħal Qormi, li flimkien magħha fil-karozza kellha tifla. Sorsi fuq il-post qalulna li l-karozza sabet ruħha fil-karreġjata opposta qabel ħabtet fil-mutur.
Iż-żewġ sewwieqa ttieħdu l-Isptar għall-kura, bil-mara ssofri xokk iżda r-raġel jinsab f’qagħda kritika.
Dan seħħ jum biss wara li rrapportajna li tilef ħajtu r-raġel ta’ 47 miż-Żurrieq li sofra ġrieħi serji, wara li kien involut f’ħabta bil-mutur ma’ vettura fl-istess triq.